L-assistenza finanzjarja għall-Istati Membri tal-UE
Il-mekkaniżmi Ewropej ta’ assistenza finanzjarja għandhom l-għan li jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja tal-UE u taż-żona tal-euro, peress li diffikultajiet finanzjarji fi Stat Membru wieħed jista’ jkollhom impatt sostanzjali fuq l-istabbiltà makrofinanzjarja fi Stati Membri oħrajn. L-assistenza finanzjarja hija marbuta mal-kundizzjonalità makroekonomika (hija self aktar milli trasferiment fiskali), biex jiġi żgurat li l-Istati Membri li jirċievu tali assistenza jimplimentaw ir-riformi fiskali, ekonomiċi, strutturali u superviżorji meħtieġa. Ir-riformi huma miftiehma u stabbiliti f’dokumenti speċifiċi (memoranda ta’ qbil) ippubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni u, meta rilevanti, fuq is-sit web tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Bħala parti mir-rispons tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19, tressqu għadd ta’ strumenti finanzjarji addizzjonali biex jgħinu lill-Istati Membri jirkupraw u jagħmlu l-ekonomiji tagħhom aktar reżiljenti għax-xokkijiet.
Il-qafas legali primarju
- L-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);
- L-Artikoli 2-5, 119-144 u 282-284 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
- Il-Protokolli 4, 12, 13 u 14 annessi mat-TFUE.
L-objettivi
Il-mekkaniżmi, li permezz tagħhom l-Istati Membri jingħataw assistenza finanzjarja, huma mfassla biex jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja tal-UE u taż-żona tal-euro. Huma elementi fundamentali ta’ qafas ekonomiku u ta’ governanza aktar b’saħħtu għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja (2.6.4).
Il-kisbiet
A. F’Mejju 2010, l-Istati Membri tal-UE stabbilew mekkaniżmu temporanju ta’ stabilizzazzjoni sabiex jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja tagħhom fil-kuntest tal-kriżi tad-dejn sovran. Dan jinkludi ż-żewġ programmi ta’ self li ġejjin:
1. Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM)
Skont l-EFSM, il-Kummissjoni tista’ tissellef total ta’ EUR 60 biljun fuq is-swieq finanzjarji f’isem l-Unjoni taħt garanzija impliċita tal-baġit tal-UE. L-EFSM jista’ jipprovdi assistenza lill-Istati Membri kollha tal-UE.
Il-mekkaniżmu ġie attivat għall-Irlanda, għall-Portugall u għall-Greċja (bħala finanzjament tranżitorju).
Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) ġie stabbilit f’Ottubru 2012, u l-Istati Membri fiż-żona tal-euro huma mistennija jduru għalih jekk ikunu jeħtieġu assistenza finanzjarja. L-EFSM baqa’ fis-seħħ, madankollu, sabiex jindirizza sitwazzjonijiet eċċezzjonali meta raġunijiet prattiċi, proċedurali jew finanzjarji jitolbu l-użu tiegħu, ġeneralment qabel jew flimkien ma’ assistenza finanzjarja tal-MES.
2. Il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF)
L-EFSF, li ġiet stabbilita f’Ġunju 2010 mill-Istati Membri taż-żona tal-euro bħala mekkaniżmu temporanju ta’ riżoluzzjoni ta’ kriżijiet, għandha kapaċità totali ta’ self effettiv ta’ EUR 440 biljun. Is-self huwa ffinanzjat mill-bonds tal-EFSF u minn strumenti ta’ dejn oħrajn fuq is-swieq kapitali, u huwa ggarantit mill-azzjonisti (is-17-il Stat Membru li kienu fiż-żona tal-euro meta l-EFSF ġie stabbilit).
Il-faċilità ġiet attivata għall-Irlanda, għall-Portugall u għall-Greċja. Mindu nħoloq il-MES, l-EFSF ma pprovdiet ebda assistenza finanzjarja ulterjuri, għax dan il-kompitu issa qed jitwettaq biss mill-MES.
B. F’Ottubru 2012 inħoloq il-mekkaniżmu ta’ appoġġ permanenti fis-sura tal-MES, li ġie stabbilit minn trattat intergovernattiv (jiġifieri barra mill-qafas legali tal-UE).
Il-MES huwa attwalment l-uniku strument permanenti għall-assistenza finanzjarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro. Għandu kapaċità ta’ self effettiv ta’ EUR 500 biljun. Is-self huwa ffinanzjat mis-self li l-MES jissellef fuq is-swieq finanzjarji u huwa ggarantit mill-azzjonisti (l-20 Stat Membru fiż-żona tal-euro).
Il-MES ipprovda assistenza finanzjarja lil Spanja, lil Ċipru u lill-Greċja. Il-Kummissjoni u l-MES stabbilew proċeduri dettaljati għar-relazzjoni ta’ ħidma tagħhom biex jipprovdu assistenza lill-Istati Membri taż-żona tal-euro.
Il-MES joffri assistenza finanzjarja permezz ta’ strumenti ta’ self differenti. Bħala parti mir-rispons tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19, l-Istati Membri taż-żona tal-euro qablu dwar strument temporanju ġdid – l-istrument ta’ Appoġġ fil-Kriżi Pandemika.
F’Novembru 2020, l-Istati Membri taż-żona tal-euro laħqu ftehim dwar riforma tat-Trattat dwar il-MES bil-ħsieb li jsaħħu s-sett ta’ għodod u l-mandat tiegħu. Il-bidliet ewlenin li ġew proposti jinkludu: l-istabbiliment ta’ garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni – stabbilita mill-UE bħala riżoluzzjoni għal banek f’diffikultà, u ffinanzjata mill-kontribuzzjonijiet mis-settur bankarju – bħala xibka ta’ sikurezza għar-riżoluzzjoni tal-banek; rwol aktar b’saħħtu fid-definizzjoni u l-monitoraġġ ta’ programmi ta’ assistenza finanzjarja; u strumenti addizzjonali li jippromwovu s-sostenibbiltà tad-dejn. It-Trattat emendat bħalissa qed jistenna r-ratifika fil-Parlament Taljan qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ.
C. Fis-6 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat proposta biex issaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa (EMU), li kienet tinkludi t-trasformazzjoni tal-MES f’Fond Monetarju Ewropew (FME).
Il-FME jkun entità legali unika ankrata fi ħdan il-qafas legali tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin essenzjalment tippreserva l-istrutturi finanzjarji u istituzzjonali tal-MES. Barra minn hekk, il-FME jkun jipprovdi garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) bħala parti mill-Unjoni Bankarja. F’Marzu 2019, il-Parlament adotta riżoluzzjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni. F’Mejju 2013 daħal fis-seħħ it-“Two-Pack”, li jikkonsisti f’żewġ Regolamenti tal-UE ((UE) Nru 472/2013 u (UE)Nru 473/2013), applikabbli għall-Istati Membri li għandhom l-ewro bħala l-munita tagħhom. Dan sawwar wieħed mill-elementi kostitwenti ta’ qafas ekonomiku u ta’ governanza aktar b’saħħtu fi ħdan l-UEM.
B’mod partikolari, ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 isaħħaħ il-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ sorveljanza ekonomiċi u baġitarji għall-Istati Membri li jkunu qegħdin jesperjenzaw diffikultajiet serji, jew li jkunu jinsabu mhedda b’tali diffikultajiet, fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom jew tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tagħhom.
Fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li Stat Membru jiġi soġġett għal sorveljanza msaħħa jekk id-diffikultajiet b’rabta mal-istabbiltà finanzjarja tiegħu x’aktarx li jkollhom riperkussjonijiet fuq il-bqija taż-żona tal-euro. Stat Membru li jitlob assistenza finanzjarja għandu jħejji abbozz ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku bi qbil mal-Kummissjoni (li taġixxi flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew u, meta xieraq, mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).
Għaldaqstant, l-għoti ta’ assistenza finanzjarja huwa marbut mal-kundizzjonalità makroekonomika – ġabra ta’ miżuri li għandhom l-għan li jindirizzaw is-sorsi tal-instabbiltà. Dan jiżgura li l-Istati Membri li jirċievu tali assistenza jimplimentaw ir-riformi fiskali, ekonomiċi, strutturali u superviżorji meħtieġa.
L-assistenza finanzjarja tiġi żbursata f’segmenti u għalhekk jaf tiġi sospiża jekk l-Istat Membru benefiċjarju ma jikkonformax mal-obbligi speċifikati fil-programm ta’ aġġustament.
D. Il-faċilità ta’ assistenza għall-bilanċ tal-pagamenti
Sa minn Frar 2002, il-faċilità ta’ assistenza għall-bilanċ tal-pagamenti (BoP) kienet disponibbli għall-Istati Membri mhux taż-żona tal-euro li jkunu qed jesperjenzaw diffikultajiet ta’ finanzjament estern, jew li jkunu mhedda serjament b’tali diffikultajiet.
Is-self, normalment, jieħu l-forma ta’ assistenza finanzjarja fuq terminu medju, tipikament f’kooperazzjoni mal-FMI. L-assistenza finanzjarja tingħata bil-kundizzjoni li jkunu implimentati l-politiki mfassla biex jindirizzaw il-problemi ekonomiċi sottostanti. Assistenza finanzjarja għall-bilanċ tal-pagamenti ngħatat lill-Ungerija, lir-Rumanija u lil-Latvja.
E. Ir-rispons tal-UE għall-COVID-19
Bħala rispons għall-kriżi tal-COVID-19, l-UE ppreżentat rispons komprensiv li kien jinkludi għadd ta’ strumenti finanzjarji biex jingħata appoġġ lill-isforzi tal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-kriżi u l-effetti tagħha. Dawn jinkludu l-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza (SURE) u n-Next Generation EU (NGEU), b’mod partikolari permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF).
F. Finanzjament għad-difiża
F’Marzu 2025, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan ReArm Europe / Prontezza 2030 tagħha biex tappoġġja lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex ikabbru l-kapaċitajiet ta’ difiża tagħhom wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Il-Kummissjoni pproponiet l-istabbiliment ta’ strument ġdid, l-Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa (SAFE), sabiex tipprovdi sa EUR150 biljun f’self lill-Istati Membri għall-investiment fid-difiża. Dan is-self ikun appoġġjat mill-baġit tal-UE. Il-White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030 tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, li akkumpanjat il-proposta SAFE, tindika wkoll li jekk id-domanda għas-self bis-SAFE taqbeż il-provvista, il-Kummissjoni tesplora strumenti oħra, inkuż li tirrikorri potenzjalment għall-MES bħala sors ta’ finanzjament għall-investimenti għad-difiża.
Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
Bl-adozzjoni tat-“Two-Pack”, il-Parlament għen biex jiġi stabbilit qafas legali tal-UE għal governanza ekonomika msaħħa fiż-żona tal-euro, f’termini kemm ta’ sorveljanza baġitarja kif ukoll ta’ proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u ta’ sorveljanza għall-Istati Membri taħt programm ta’ aġġustament makroekonomiku.
Barra minn hekk, it-“Two-Pack” lill-Parlament jagħtih rwol ta’ skrutinju aktar strett fis-sens li l-kumitat kompetenti jista’ jistieden lill-istituzzjonijiet ikkonċernati (il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Grupp tal-Euro, il-BĊE u l-FMI) jinvolvu ruħhom fi djalogi ekonomiċi mal-Parlament. Il-kumitat kompetenti fil-Parlament għandu d-dritt li jkun infurmat f’diversi okkażjonijiet, jiġifieri meta programm ta’ aġġustament makroekonomiku jkun qed jiġi ppreparat u dwar l-implimentazzjoni tiegħu.
Fl-2023, il-Parlament u l-MES qablu dwar memorandum ta’ kooperazzjoni (MoC) li jistabbilixxi l-qafas ta’ kooperazzjoni bejn il-Parlament Ewropew u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. L-MoC għandu l-għan li jtejjeb id-djalogu interistituzzjonali bejn il-MES u l-Parlament u jsaħħaħ it-trasparenza u l-obbligu ta’ rendikont tal-MES. L-MoC jistipula li l-kumitat kompetenti tal-Parlament għandu jistieden lid-Direttur Maniġerjali tal-MES jieħu sehem fi skambju ta’ fehmiet mill-inqas darba fis-sena. L-MoC jagħti wkoll dettalji ta’ forom oħra ta’ kooperazzjoni għal aktar trasparenza, inkluża żjara informali ta’ delegazzjoni magħmula minn Membri tal-PE fil-kwartieri ġenerali tal-MES darba fis-sena u l-possibbiltà li l-President tal-kumitat kompetenti jibgħat mistoqsijiet bil-miktub lid-Direttur Maniġerjali tal-MES dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-MES.
Barra minn hekk, il-Parlament għandu l-mandat li jiskrutinizza l-RRF, b’mod partikolari permezz ta’ djalogi regolari mal-Kummissjoni dwar l-irkupru u r-reżiljenza u permezz tal-Grupp ta’ Ħidma ad hoc tiegħu għall-RRF.
Għal aktar informazzjoni dwar dan is-suġġett, jekk jogħġbok ara s-sit web tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u tal-Kumitat għall-Baġits.
Giacomo Loi / Maja Sabol